X’inhu t-tibdil fil-klima?
L-attività tal-bniedem qed tinfluwenza gradwalment il-klima tad-Dinja billi żżid ammonti enormi ta’ gassijiet b'effett ta’ serra ma’ dawk li jseħħu b’mod naturali fl-atmosfera.
Dawn il-gassijiet b’effett ta’ serra żejda jiġu prinċipalment mill-ħruq tal-fjuwils fossili għall-produzzjoni tal-enerġija, kif ukoll minn attivitajiet oħra tal-bniedem bħat-tnaqqis tal-foresti pluvjali, l-agrikoltura, il-biedja tal-bhejjem u l-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi. Id-diossidu tal-karbonju (CO2) huwa l-gass b'effett ta’ serra l-aktar prodott mill-attivitajiet tal-bniedem.
Dawn il-gassijiet żejda jamplifikaw l-“effett serra” fuq l-atmosfera tal-pjaneta tagħna, u jikkawżaw żieda fit-temperatura tad-dinja b’rata straordinarja u li jirriżultaw f’bidliet kbar fil-klima.
Ara wkoll:
- Kawżi tat-tibdil fil-klima (Azzjoni tal-UE dwar il-Klima)
- Kawżi tat-tibdil fil-klima (Il-pjaneta tagħna, Il-futur tagħna)
Fejn qegħdin bħalissa?
Diġà saħħanna l-pjaneta b’aktar minn 1°C meta mqabbel mal-livell ta’ temperaturi li kellna qabel l-era industrijali.
Ix-xjenzati fil-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) wissew li t-tisħin globali ta’ 1.5°C se jkollu konsegwenzi serji u saħansitra irriversibbli għall-ambjent u s-soċjetajiet tagħna.
Aktar ma nfixklu l-klima, aktar ikunu kbar ir-riskji għas-soċjetà u l-ambjent tagħna.
Ara wkoll:
- Temperatura globali u Ewropea (Aġenzija Ewropea għall-Ambjent)
- L-Istat Ewropew tal-Klima 2019 (is-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus)
- Rapport speċjali dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1.5°C (Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima)
X’inhuma l-effetti tat-tibdil fil-klima?
L-effetti tat-tibdil fil-klima diġà qed jinħassu mad-dinja kollha u hu mbassar li se jsiru aktar frekwenti u aktar intensi fid-deċennji li ġejjin.
Mingħajr azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, tul il-ħajja ta’ wliedna l-UE tista’ tara:
- 400,000 mewta prematura fis-sena minħabba t-tniġġis tal-arja.
- 90,000 mewta fis-sena b’riżultat ta’ mewġiet ta’ sħana
- 40% inqas ilma disponibbli fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-UE
- 2.2 miljun ruħ esposti għat-tgħarriq fiż-żoni kostali kull sena
- €190 biljun f’telf ekonomiku annwali
Dawn il-bidliet fil-klima għandhom is-setgħa li jittrasformaw il-pjaneta tagħna, u jaffettwaw il-provvisti tal-ikel u tal-ilma u saħħitna. Filwaqt li kulħadd jinsab f’riskju, l-impatti jolqtu lill-foqra u lill-vulnerabbli b’mod aktar qawwi.
Iktar ma jkunu kbar il-problemi, aktar ikun diffiċli u għali biex jiġu solvuti – u din hija r-raġuni għaliex it-teħid ta’ azzjoni bikrija biex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima huwa l-aħjar għażla.
Ara wkoll:
- Konsegwenzi tat-tibdil fil-klima (Azzjoni tal-UE dwar il-Klima)
- Impatti tat-tibdil fil-klima (Il-pjaneta tagħna, Il-futur tagħna)
- Impatti tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa (Aġenzija Ewropea għall-Ambjent)
X’qed tagħmel l-UE dwar it-tibdil fil-klima?
L-UE ilha sew tmexxi globalment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
L-isforzi tagħna huma f’forma ta’ politiki ambizzjużi fi ħdanha u kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab internazzjonali.
Diġà qegħdin fit-triq it-tajba biex nilħqu l-miri tagħna dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2020, u ressaqna pjan għal aktar tnaqqis tal-emissjonijiet b’tal-inqas 55% sal-2030.
Sal-2050, l-Ewropa għandha l-għan li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Dan ifisser li nnaqqsu kemm nistgħu l-emissjonijiet tagħna u nżidu t-tneħħija tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-atmosfera sabiex nilħqu emissjonijiet “żero netti”.
Dan l-għan huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew: pakkett ambizzjuż ta’ miżuri biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħna għal żero netti filwaqt li niżguraw soċjetà ġusta, b’saħħitha u prospera għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Flimkien mat-tnaqqis tal-emissjonijiet, irridu nadattaw għall-bidliet li qed iseħħu issa u fil-futur. L-UE qed tgħin biex ittejjeb l-istat ta’ tħejjija u l-kapaċità li tirreaġixxi għall-impatti tat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.
L-UE taħdem ma’ pajjiżi u reġjuni oħra biex tavvanza l-azzjoni klimatika globali u tappoġġja lill-pajjiżi sħab fl-isforzi tagħhom, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli.
L-UE qed taħdem ukoll biex tiżgura li l-irkupru mill-pandemija tal-coronavirus jimxi id f’id mat-tranżizzjoni lejn Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti.
Ara wkoll:
- Azzjoni tal-UE dwar il-klima u s-sostenibbiltà
- L-Azzjoni Klimatika tal-UE u l-Patt Ekoloġiku Ewropew(Azzjoni klimatika tal-UE)
- 5 fatti dwar l-għan tan-newtralità klimatika tal-UE(Kunsill Ewropew)
X’inhuma l-benefiċċji tal-azzjoni dwar il-klima?
It-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima hija kemm sfida urġenti kif ukoll opportunità biex jinbena futur aħjar għal kulħadd.
Jekk nieħdu azzjoni għall-klima u l-ambjent, kull wieħed minna jista’ jgħinna nippreservaw u nipproteġu l-pjaneta llum u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Xi wħud mill-benefiċċji għas-soċjetà jinkludu:
- impjiegi ekoloġiċi ġodda
- titjib fil-kompetittività
- tkabbir ekonomiku
- arja aktar nadifa u sistemi tat-trasport pubbliku aktar effiċjenti fl-ibliet
- teknoloġiji ġodda bħall-karozzi elettriċi u ibridi plug-in, djar jew binjiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'sistemi intelliġenti ta' tisħin u tkessiħ
- provvisti siguri ta’ enerġija u riżorsi oħra – li jagħmlu l-Ewropa inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet
L-istudji juru li t-trasformazzjoni għal soċjetà ekoloġika u diġitali hija fattibbli u affordabbli. Dak li jiswa lit-tibdil fil-klima għall-ekonomija u s-soċjetà se jkun ħafna aktar ogħla minn dak li tiswa l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima issa.
X'nista' nagħmel?
Il-partijiet tas-soċjetà u s-setturi ekonomiċi kollha se jkollhom rwol – mis-settur tal-enerġija għall-industrija, it-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-forestrija. Ħafna mill-għarfien meħtieġ u ħafna soluzzjonijiet ivverifikati diġà jeżistu.
L-għażliet tagħna ta’ kuljum huma importanti wkoll. Ħafna mill-bidliet li nagħmlu se jtejbu l-mod kif ngħixu, il-mod kif immorru minn post għall-ieħor, il-mod kif inkessħu jew kif insaħħnu d-djar tagħna, il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw.
Kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu, u ebda azzjoni ma hija żgħira wisq!