X’inhu l-Patt Klimatiku Ewropew?
Il-Patt Klimatiku hu opportunità biex in-nies, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet jipparteċipaw fl-azzjoni klimatika madwar l-Ewropa:
- jitgħallmu dwar it-tibdil fil-klima
- jiżviluppaw u jimplimentaw soluzzjonijiet
- jikkollegaw ma’ oħrajn u jimmassimizzaw l-impatt ta’ dawn is-soluzzjonijiet
Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Patt għandu l-għan li jsir spazju vivaċi biex jixxerja l-informazzjoni, jiddibatti u jaġixxi dwar il-kriżi klimatika, u joffri appoġġ għal moviment Ewropew tal-klima biex jikber u jikkonsolida.
Hekk kif tikber il-komunità tagħna, l-istess se jkun qed jaħmel il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Patt. Kun ċert li tiċċekkja regolarment biex issir taf dwar l-aħħar żviluppi tagħna.
Għaliex bdejna l-Patt?
Il-kriżi klimatika hi reali, u l-UE impenjat ruħha li tagħmel xi ħaġa dwarha.
Ix-xjenza tgħidilna li d-dinja trid taġixxi b’mod urġenti biex tilħaq l-għanijiet tagħna tal-Ftehim ta’ Pariġi, b’mod partikolari biex tillimita t-tisħin globali għal ferm anqas minn 2°C u tkompli bl-isforzi biex tillimita dan it-tisħin għal 1.5°C ’il fuq mil-livelli tal-1990.
F’Diċembru 2019, nedejna Patt Ekoloġiku Ewropew għat-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar ġusta, aktar b’saħħitha u aktar prospera, filwaqt li niggarantixxu pjaneta b’saħħitha għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Mhux biss qed nirrispondu għax-xjenza, iżda wkoll għat-talbiet minn azzjoni aktar b’saħħitha miċ-ċittadini. Stħarriġiet mal-UE kollha juru li l-Ewropej iqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja u jħossu li l-protezzjoni tal-ambjent hi importanti għalihom personalment.
Is-soluzzjonijiet deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew jistgħu jirnexxu biss jekk in-nies, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet ikunu kollha involuti u jieħdu azzjoni.
Dan hu għaliex nedejna l-Patt Klimatiku Ewropew: pjattaforma biex naħdmu u nitgħallmu flimkien, biex niżviluppaw soluzzjonijiet u nibnu networks għal bidla reali.
Mhux qed nibdew mix-xejn. Il-Patt Klimatiku jrid jipprovdi art fertili għal inizjattivi, networks u movimenti li diġà bdew jirrivoluzzjonaw l-approċċ għall-azzjoni klimatika fl-Ewropa.
Il-Patt Klimatiku se jagħti s-setgħa lill-għadd bla qies ta’ Ewropej li huma lesti li jikkontribwixxu b’kull mod li jistgħu, u li jilħqu lil dawk li s’issa kienu inqas involuti.
Kif nista’ nipparteċipa?
Kulħadd jista’ jkun parti mill-Patt Klimatiku Ewropew. Fil-fatt, inħeġġu lil kulħadd biex jipparteċipa b’kull mod possibbli!
Se jkun hemm ħafna modi kif tieħu sehem. Dawn huma wħud minn tal-ewwel:
- Sir Ambaxxatur tal-Patt Klimatiku
- Ħu azzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-klima u agħmel wegħda
- Irreġistra avveniment satellitari
X’inhuma l-valuri tal-Patt?
Irridu li l-Patt ikun inizjattiva miftuħa, inklużiva u ambizzjuża għal kulħadd.
Biex dan jinżamm, in-nies u l-organizzazzjonijiet li jixtiequ jieħdu sehem pereżempju billi jsiru Ambaxxaturi jew jirreġistraw wegħda għandhom jirrispettaw il-valuri tal-Patt.
- Xjenza, responsabbiltà u impenn: Il-parteċipazzjoni fil-Patt se tinvolvi azzjoni klimatika pożittiva, li tispira jew li tħeġġeġ lill-oħrajn biex jingħaqdu. Il-parteċipanti se jikkontribwixxu b’azzjonijiet konkreti, ibbażati fuq ix-xjenza, affidabbli, b’eżiti ċari u, idealment, li jistgħu jitkejlu biex juru l-impatt.
- Trasparenza: Il-parteċipanti fil-Patt se jimpenjaw ruħhom li jikkondividu l-informazzjoni rilevanti dwar l-azzjonijiet, il-metodoloġiji u r-riżultati tagħhom ma’ parteċipanti oħrajn fil-Patt u mal-pubbliku. Dan se jgħin lill-parteċipanti u lill-oħrajn biex isegwu l-progress, itejbu l-azzjoni tagħhom, jitgħallmu mill-inizjattivi ta’ xulxin jew jissieħbu fihom, u jifhmu l-impatt ġenerali tal-azzjoni li tkun ittieħdet.
- Ebda greenwashing: Il-wegħdiet se jiġu rreġistrati b’tali mod li juru li l-impenji tal-parteċipanti huma konkreti, pubbliċi u trasparenti. Il-Kummissjoni se tiżviluppa mod xieraq biex timmonitorja l-progress, b’livelli differenti ta’ skrutinju skont il-kapaċità tal-parteċipant.
- Ambizzjoni u urġenza: Sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u ambjentali jeħtieġ li nisfidaw malajr u b'mod deċiżiv l-imġibiet u s-suppożizzjonijiet li ilhom jeżistu. Filwaqt li kull pass żgħir jgħodd, il-parteċipanti fil-Patt se jaspiraw ukoll għal soluzzjonijiet trasformattivi, inklużi proġetti viżjonarji, esperimentazzjoni, modi innovattivi ta’ kooperazzjoni, u kompetizzjoni b’saħħitha għar-riżultati.
- Azzjoni mfassla skont il-kuntesti lokali: Id-diskussjonijiet u l-azzjoni se jiġu adattati għall-kuntesti lokali u għall-gruppi fil-mira. Aktar ma tkun qrib ir-realtà ta’ kuljum tan-nies, aktar aħjar.
- Diversità u inklużività: Kwalunkwe persuna, minn kwalunkwe sfond jew professjoni, se tkun tista’ tieħu sehem. Il-Patt se jkollu l-għan li jneħħi l-ostakli għall-azzjoni klimatika, inklużi l-ostakli li jirriżultaw minn karatteristiċi personali, bħall-ġeneru, l-età u d-diżabbiltajiet. Dan se jgħin lill-parteċipanti fil-Patt biex ikunu fiċ-ċentru tad-dibattiti bħal dawk dwar il-futur tal-Ewropa. Fl-iżvilupp tal-Patt, il-Kummissjoni se tiddependi fuq il-kreattività u fuq il-varjetà ta’ fehmiet li jirriżultaw minn mekkaniżmi demokratiċi u parteċipattivi.
Ikkuntattjana
Għandek ideat għal attivitajiet tal-Patt jew modi ġodda u innovattivi kif in-nies jistgħu jinvolvu ruħhom? Ikkuntattjana.
Links relatati
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Klimatiku Ewropew